Saturday, May 31, 2008

Dokument ta' Preparazzjoni Kapitlu 2008

DOKUMENT TA’ PREPARAZZJONI
BIEX JINTGĦAŻLU L-ARGUMENTI LI GĦANDHOM JIĠU DISKUSSI FIL-KAPITLU TA’ NOVEMBRU 2008

IL-PROFESSJONI TAL-FRANĠISKANI SEKULARI
U KEMM IĦOSSUHOM PARTI MILL-ORDNI

Introduzzjoni

X’inhu l-Ordni Franġiskan Sekular? X’post għandu fil-Knisja?
Min hu l-Franġiskan Sekular? X’jagħmel fil-ħajja tiegħu / tagħha?
X’inhi l-Identità l-aktar importanti ta’ membru ta’ l-OFS fil-Knisja u fil-familja Franġiskana?
Il-Franġiskani Sekulari u l-Ordni kollu, kif jixtiequ jidhru fid-Dinja u x’inhuwa r-rwol tagħhom fiha?

Dawn it-tlett mistoqsijiet importanti mhux biss jagħmluhomlna spiss nies oħra, iżda nistaqsuhom ukoll lilna nfusna u ir-risposta li nagħtu ser titfa’ dawl fuq “Min Aħna” u wara “X’nagħmlu”.

Matul kważi 800 sena mit-twaqqif tagħna, għal aktar minn 500 sena (Sa l-1978 u anki wara), l-Istorja ta’ l-Ordni kienet tispikka l-ħajja “ikkakkmata”, minħabba l-fatt li l-Ordni prattikament qatt ma seta jafferma lilu nnifsu u jieħu r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Ordni. Infatti l-Ordni qatt ma tħalla “jikteb l-Istorja tiegħu innifsu”, biex jagħti l-kontribut tiegħu bħala Ordni u jassumi, bħala Ordni sħiħ, ir-rwol providenzjali li huwa tiegħu, fil-kuntest tal-Familja Franġiskana, biex jaqdi l-missjoni mogħtija minn Alla lil Franġisku għalina, għall-ġid tal-Knisja ta’ kull żmien.

Illum din hija ħaġa li saret possibbli u ħafna jiddependi minna.

Il-Knisja, fid-dawl tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, irriflettiet b’mod providenzjali, dwar l-eżistenza tagħna u irrikonoxxiet l-għaqda u l-awtonomija ta’ l-Ordni tagħna fi struttura dinjija ċentralizzata. L-istorja tagħna urietna kif dawn l-elementi, li kienu diġà jeżistu mill-bidu, kienu essenzjali biex jitwettaq għal kollox il-proġett li Alla reħa f’idejn Franġisku għalina, għall-ġid tal-Knisja taż-żminijiet kollha.

Imma aħna verament lesti għal dan?

Sa liema punt u kif immatura ġewwa fina s-sens li aħna nagħmlu parti minn “Ordni”?

Kemm huma verament konxji fil-prattika l-Franġiskani Sekulari individwali li jappartjenu għal Ordni veru, għal Ordni li fl-aħħar, wara 8 sekli għandu struttura magħquda u ċentralizzata?

“…, Franġisku waqqaf Ordni Veru, dak tat-Terzjarji, li mhux marbut bil-voti reliġjużi, bħal-Ewwel u t-Tieni Ordni, iżda bl-istess mod jgħix is-sempliċità tal-ħajja u l-ispirtu ta’ penitenza. Għalhekk, kien hu l-ewwel li ġie mnebbaħ u wettaq, bl-għajnuna t’Alla, dak li ebda fundatur ta’ Ordnijiet Reliġjużi qablu ma rnexxielu jagħmel, li l-ħajja reliġjuża tkun aċċessibbli u mgħixa minn kulħadd.” (Papa Benedittu XV, Enċiklika Sacra Propediem” 6 ta’ Ġunju, 1921)

“Intom Ordni, Ordni Lajk, imma Ordni Veru. Ordo veri nominis, kif il-predeċessuri tagħna u ta’ memorja qaddisa, Benedittu XV (Sacra Propediem” 6 ta’ Ġunju, 1921) sejjħilha. M’intomx, ovvjament, għaqda ta’ nies perfetti; imma għandkom tkunu skola ta’ perfezzjoni nisranija. Mingħajr din il-volontà soda wieħed ma jistax ikun membru ta’ din l-armata glorjuża u magħżula.” (Papa Piju XII, 1 ta’ Lilju, 1956, Diskors lit-Terzjarji ġewwa Ruma)

“… Intom ukoll “Ordni,” kif qal Papa Piju XII: Ordni Lajk, iżda Ordni Veru;” u wara kollox, Benedittu XV kien diġà tkellem dwar “Ordo veri nominis”. Dan l-isem antik – nistgħu ngħidulu medjevali – “Ordni” ma jfisser xejn ħlief li intom imseħbin b’mod intimu fil-familja kbira Franġiskana. Il-Kelma “Ordni” tfisser il-parteċipazzjoni fid-dixxiplina u l-awsterità ta’ dik l-ispiritwalità, filwaqt li tibqgħu fl-awtonomija karatteristika tagħkom tal-kondizzjoni lajka u sekulari, li ħafna drabi titlob sagrifiċċji li xejn m’huma anqas minn dawk li jiltaqgħu magħhom ir-reliġjużi u s-saċerdoti.” (Papa Ġwanni Pawli II, 14 ta’ Ġunju, 1988, Kapitlu Ġenerali ta’ l-OFS)

Kien b’dan il-mod, fi żminijet reċenti, li tlett Papiet ta’ statura kbira u awtorità spiritwali tkellmu dwar l-Ordni Franġiskan Sekular tagħna!

AĦNA ORDNI, ORDNI LAJK, IŻDA ORDNI VERU. ORDO VERI NOMINIS!

Hija ħaġa sorprendenti kif matul is-sekli l-Ordni dejjem ġie msejjaħ “wieħed”, anki meta l-Ordni ma kienx jeżisti bħala entità awtonoma u bi struttura. Mill-1472 sa l-1978 l-Ordni għex fi stat ta’ inferjorità sostanzjali, ta’ diviżjoni u fil-prattika, iddominat. Fir-realtà kienu jeżistu biss Fraternitajiet lokali li kienu, prattikament, “megħmużin” ma’ l-Ordni reliġjuż li kien jieħu ħsiebhom.
Minkejja dan, qatt ma naqset il-kuxjenza li l-Ordni huwa ħaġa waħda u li jaħdem b’mod uniku u unanimu, la fil-kuxjenza tat-“terzjarji” individwali, u lanqas f’dik tal-Knisja.

L-għatx għall-għaqda u awtonomija twieled ma’ l-istess moviment lajk penitenzjali ta’ San Franġisk u għal dawk li jafu l-istorja ta’ l-OFS, huwa magħruf sew kemm, minflok, dawn l-aspirazzjonijiet kienu mxekklin sa mill-bidunett.

Aħna, il-Franġiskani Sekulari tal-lum, nistgħu ngħidu sewwa li aħna pprivileġġjati: aħna protagonisti ta’ epoka storika li fiha l-ħolma tal-predeċessuri tagħna ssir realtà. Huwa assolutament neċessarju li dan nirrealizzawh u li nidħlu fir-rwol tagħna b’mod responsabbli u b’sens ta’ l-istorja tagħna.

l-OFS huwa kreatura fraġli. L-Ordni għandu bżonn jikkonsolida, irid joħloq strutturi ġodda u metodi ġodda u oriġinali ta’ kif naħdmu biex l-Ordni jiffaċċja l-isfidi li d-dinja tippreżentalna, kemm dawk interni (ġewwa l-Ordni), kif ukoll dawk li jiġu minn barra (l-Ordni), biex ikun jista’ jiżviluppa ir-rwol tiegħu b’mod effettiv fit-tielet millenju ta’ l-Istorja Nisranija.

l-isfidi huma mmensi

Huwa neċessarju li “nivvintaw”, “noħolqu” mod ta’ kif ngħixu u norganizzaw ruħna li jikkorrispondi ma’ dak li jitlob Ordni sekulari, li jikkonsisti l-aktar minn nies li huma kompletament impenjati fid-dinja u fl-attivitajiet ordinarji tal-familja, xogħol u s-soċjetà.

Se jkun neċessarju wkoll li naħdmu b’koordinazzjoni effikaċi u b’komunikazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet kollha ta’ l-Ordni, mingħajr ma nitilfu r-realtà li nkunu kullimkien, indaqs u differenti fl-istess ħin, li nesprimu il-kariżma komuni fis-sitwazzjonijiet varji u kumplessi tad-dinja tal-lum, b’dik il-kapaċità li nadattaw irwieħna u dik il-ħeġġa kariżmatika u dejjiema li bihom biss inkunu nistgħu nidħlu fil-ħajja vitali tad-dinja.

l-isfidi jistgħu jiġu megħluba, iżda jistgħu ukoll jintilfu u r-riżultati m’humiex ċerti.

Struttura Ċentralizzata

L-istruttura ċentralizzata kienet, u għadha, neċessarja għall-iskop li tippermetti lill-Ordni li jokkupa l-post li jixraqlu fil-Familja Franġiskana u fil-Knisja u li tkun espressjoni effettiva tal-kariżma Franġiskana fid-dinja sekulari.

In-Novitas (Novità) ta’ Franġisku hija mfissra b’missjoni li għandha bħala spazju tagħha d-dinja kollha u l-istess Papa kkonferma din il-missjoni lilna wkoll sa mill-bidu nett ta’ l-Ordni.

Aħna ngħoddu ma’ l-430,000 professi, li, flimkien ma’ aktar minn 150,000 reliġjużi Franġiskani, rġiel u nisa, għandna d-dmir li nwettqu fiż-żmien u fl-istorja din il-missjoni li l-Kurċifiss ta’ San Damjan ta lil San Franġisk.

Aħna nkunu nistgħu inwettqu dan kollu billi niżviluppaw, ngħixu u nħallu jikber ġewwa fina, f’kull rokna tad-dinja, Sens profond ta’ Appartenenza (li nħossuna li nagħmlu parti mill-familja) u nkunu konxji b’mod ħaj tal-Grazzja tal-Professjoni li għamlitna Franġiskani, li twassal il-vokazzjoni tal-Magħmudija għall-milja tagħha u tgħaqqadna mal-Ġisem ta’ l-Ordni Franġiskan Sekular u l-Familja Franġiskana kollha.

Professjoni u Sens ta’ Appartenenza

Professjoni u Sens ta’ Appartenenza huma żewġ elementi fondamentali u li għandhom ikunu flimkien biex naqdu l-missjoni tagħna. Mingħajrhom l-Ordni ma jeżistix u ma jistax jeżisti.

Kemm aħna verament konxji tal-fatt li l-Professjoni daħħlitna fi stat ta’ membri “Professi”, li tatna il-karattru Franġiskan u li introduċietna b’rabta ħajja u li ma tistax tinħall fil-ġisem ta’ l-Ordni Franġiskan Sekular?

Kemm aħna konxji li dan is-sens ta’ Appartenenza, li aħna nagħmlu parti mill-istess ġisem (ta’ l-Ordni), huwa ħafna iktar importanti minn kull apprtenenza oħra bħal ma huma n-nazzjon, il-lingwa, klassijiet soċjali u kulturi biex jagħmluna ġisem wieħed li ma jistax jiġi megħlub, biex jiġi mxandar l-Evanġelju u tiġi restawrata l-Knisja ta’ Kristu u d-dinja mifdija tiġi mogħtija lura lil Alla l-Missier?

Il-Kapitlu Ġenerali

Dawn iż-żewġ elementi fondamentali tal-ħajja tagħna (Professjoni u Appartenenza) huma t-temi għall-Kapitlu Ġenerali li jmiss.

Huwa essenzjali li l-Fraternitajiet Nazzjonali jirriflettu fuq dawn iż-żewġ aspetti sabiex il-konferenzi li sejrin isiru fil-kapitlu mill-kelliema fuq dawn it-temi ma jispiċċawx b’silenzju imbarazzanti ta’ dawk li jattendu il-Kapitlu għax ma jkunux ippreparati.

Il-Kunsillieri Internazzjonali

Huwa għalhekk essenzjali li l-Kunsillieri Internazzjonali kollha jiġu għall-Kapitlu ippreparati tajjeb biex ikunu interpreti fidili ta’ l-esperjenzi u r-riflessjonijiet li jkunu nġabru mid-diskussjonijiet li għandhom isiru isiru f’kull pajjiż biex din ir-riflessjoni fondamentali tal-Kapitlu tkun tista’ ssir mument awtentiku ta’ grazzja, ta’ kairos, ta’ riżoluzzjonijiet qaddisa li jagħmlu l-Ordni b’saħħtu u mimli ħajja, ilkoll flimkien bħala Ordni u mhux iżjed bħala sempliċi individwi impenjati.

Għal din ir-raġuni, nirakkomandaw bil-qawwa kollha, li f’kull Fraternità Nazzjonali, kemm dawk diġà mwaqqfin kif ukoll dawk li għadhom jiġu ffurmati, jiġu organizzati mumenti ta’ riflessjoni serja biex jiġu diskussi dawn it-temi. Il-materjal għad diskussjoni huwa dak offrut f’dan id-dokument.

Id-Diretturi tal-Formazzjoni

Id-Diretturi tal-Formazzjoni ta’ kull livell għandhom ir-responsabbiltà li japprofondixxu flimkien ma’ ħuthom kollha n-natura tal-Professjoni, l-effetti li għandha li ssieħeb il-membru fl-Ordni, u l-obbligi u dmirijiet li din is-sħubija u appartenenza ġġib magħha.

Il-frott ta’ dan ix-xogħol għandu jiġi miġbur u mibgħut lill Kunsillier Internazzjonali biex il-Kapitlu, permezz ta’ dawk li ser jagħmlu l-Konferenzi, ikollu stimoli, dettalji, proġetti u impenji li jippermettu lill-Ordni, u lilna lkoll, jikber, kemm individwalment kif ukoll kolettivament, biex jieħu b’kull responsabbiltà fuq spallejh ir-rwol tiegħu fil-Knisja u fid-Dinja.

Konklużjoni

Nistennew minn għand kull wieħed u waħda minnkom risposta għal din l-ittra biex inkunu nafu l-inizjattivi li kull Fraternità Nazzjonali, kemm dawk diġà mwaqqfin kif ukoll dawk li għadhom jiġu ffurmati, tixtieq torganizza fil-futur.

Ser noffru, bħala eżempju u mudell biss, dawn il-mistoqsijiet bħala linji oħra ta’ diskussjoni u riflessjoni, bil-fehma li għandkom il-libertà kollha li tiżviluppaw dan ix-xogħol kif jidhrilkom.

1. Kemm tagħtih importanza essenzjali l-fatt li inti membru ta’ l-Ordni Franġiskan Sekular? Il-ħajja tiegħek fil-fraternità tikkonsisti biss f’laqgħa oħra fost l-oħrajn?
2. X’tista’ tagħmel biex tkun aktar involut fil-ħajja intima ta’ L-OFS?
3. Il-Professsjoni, minn-natura tagħha, hija mpenn permanenti. Tgħixa b’dan il-mod?
4. Fl-opinjoni tiegħek, għaliex il-Fraternità lokali hija daqshekk importanti fil-ħajja ta’ l-OFS? Il-Fraterntià tiegħek, kemm qiegħda tagħtik għajnuna biex inti twettaq dak li titlob mingħandek il-Professjoni?
5. Tgħinek l-Fraternità tiegħek biex tibqa’ fidil għall-Professjoni tiegħek u tagħtik Sens ta’ Appartenenza? Inti personalment, kemm tagħmel sforz biex tgħin lill-aħwa tal-Fraternità tiegħek sabiex jilħqu huma wkoll dawn l-għanijiet?
6. Għaliex ridt tidħol fl-OFS? X’kontribut qiegħed tagħti lill-OFS bil-Professjoni u l-preżenza tiegħek?
7. Fl-opinjoni tiegħek, xi rwol kellha r-Regola ġdida fit-tibdil li sar f’li wieħed “iħoss” il-preżenza tal-Ordni u li “jaħmel parti” minnu?
8. Temmen li s-Sens ta’ Appartenenza li inti tgħix illum jikkorrispondi b’mod ġenwin ma’ dak li l-Ordni huwa verament, kemm fin-“natura” kif ukoll il-Missjoni tiegħu? Jew iktar tikkorrispondi ma’ xi ħaġa oħra li kellha postha fil-passat jew kunċett tiegħek personali ta’ l-Ordni?

Jekk taħseb li m’hemmx biżżejjed Sens ta’ Appartenenza fl-Ordni, x’taħseb li hija l-kawża ta’ dan?

1. Nuqqas ta’ formazzjoni?
2. Nuqqas ta’ komunikazzjoni?
3. Nuqqas ta’ kontribut u sharing?
4. Xi ħaġa oħra?

-------------------------------------------